Parasite.
Il-film Korean li rebaħ l-aktar premju prestiġġjuż fl-aktar lejl importanti fix-xena ċinematografika biex b’hekk dan kien l-ewwel film barrani b’lingwa li mhix l-Ingliż li rebaħ dan il-premju.
Apparti hekk kien ukoll l-ewwel film Korean li qatt rebaħ Oscar.
Il-film rebaħ fost oħrajn l-aqwa film, l-aqwa diettur, l-aqwa storja oriġinali kif ukoll l-aqwa film internazzjonali.
Akkumpanjati minn traduttur l-atturi qalu li jinsabu grati b’dan il-premju.
B’total ta’ erba’ premji, Parasite kien il-film bl-aktar rebħiet. Il-film 1917 rebaħ tliet premji u Ford v Ferrari, Joker u Once Upon a Time in Hollywood rebħu żewġ premji kull wieħed.
L-attur Joaquin Phoenix, il-protagonist tal-film Joker rebaħ il-premju tal-aqwa attur għall-istess film filwaqt li l-attriċi veterana Renee Zellweger rebħet il-premju għall-aqwa attriċi għall-film Judy.
Toy Story 4 rebaħ il-premju tal-aqwa film animat, u l-attur Brad Pitt rebaħ il-premju tal-aqwa attur f’parti sekondarja.
Tul iċ-ċerimonja spikkat ukoll il-preżenza tar-rapper Eminem ikanta d-diska Lose Yourself żgur mhux forsi kienet sorpriża għal bosta.
Kienu ħafna l-atturi li wżaw il-pjattaforma tal-Oscars biex jagħmlu xi dikjarazzjoni politika fosthom Brad Pitt li f’ħamsa u erbgħin sekonda biss kritika l-mod kif seħħu l-proċeduri tal-hekk imsejjaħ impeachment tal-President Amerikan.
Dan filwaqt li l-attriċi Natalie Portman b’mod sottili libset libsa li fiha kien hemm meħjuta ħames ismijiet ta’ diretturi nisa biex tfakkar il-fatt li fil-kategorija tal-aqwa Direttur, ma kinitx nominata mqar mara waħda.