Id-Dipartiment tal-Kuntratti nieda tender biex isir studju dwar l-implikazzjonijiet li jista’ jkun hemm kemm-il darba titnaqqas l-età minima minn tmintax-il sena għal dawk li jridu jsuqu muturi ta’ ċilindrata żgħira, bħal scooters.
Konformi ma’ wegħda elettorali fil-manifest ‘Malta Flimkien’, li tisħaq favur proċess ta’ konsultazzjoni pubblika f’dan ir-rigward, it-tender jalloka s-somma ta’ tlieta u għoxrin elf u ħames mitt ewro għal kumpaniji interessati li jwettqu tali studju xjentifiku fuq perjodu ta’ sitt xhur.
Il-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet ukoll ipproponiet modernizzar fir-regoli tas-sewqan fl-Unjoni Ewropea, inkluż li l-età minima għal-liċenzja tas-sewqan f’kull livell titnaqqas għal 17-il sena.
F’dan il-każ, ġie propost li żgħażagħ ta’ 17 jkunu jistgħu jitilgħu għat-test anke tal-karozzi u t-trakkijiet u, jekk jgħaddu, jibdew isuqu fil-kumpanija ta’ xi adult sakemm ikollhom tmintax-il sena.
Dwar dan, Malta ma qablitx u opponiet.
Min-naħa l-oħra, il-miżura elettorali lokali 423 tgħid li għandu jinbeda “proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-idea li żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jpoġġu għal eżami tas-sewqan biex jiksbu liċenzja għas-sewqan ta’ scooters li jkollhom magna mhux akbar minn one two five cc (125cc).”
B’hekk, l-Erbgħa, id-Dipartiment tal-Kuntratti ppubblika t-tender għall-istudju xjentifiku f’isem Transport Malta. Id-data ta’ skadenza għas-sottomissjonijiet hi l-Ħamis 25 t’April fid-9:30 ta’ filgħodu.