Għawdex qed jara aktar investiment fil-qasam tas-saħħa. Dan hekk kif din il-ġimgħa nħareġ tender pubbliku għal magna ġdida tas-CT Scan.
Dan mhux biss se jżid l-effiċjenza tal-isptar, iżda se żżid il-kapaċità tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, biex pazjenti Għawdxin jinqdew f’Għawdex stess.
It-tender, li għandu stima ta’ kważi żewġ miljuni u nofs ewro, għandha tkun waħda tal-aħħar teknoloġija u li għandha tagħti riżultati aktar preċiżi fl-eżamijiet tal-angiogram, b’mod partikolari f’mard relatat mal-qalb.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela spjega li l-ħruġ tat-tender juri l-investiment b’saħħtu li qed jagħmel il-Gvern għall-kura tas-saħħa fil-gżira Għawdxija.
Stqarr, “F’dawn l-aħħar ġranet, ħareġ tender ta’ valur ta’ żewġ miljun ewro sabiex issa l-Isptar ta’ Għawdex ikollu tagħmir ta’ CT Scanner avvanzat bl-aħħar teknoloġija. Aħna kommessi li nkomplu ninvestu aktar fis-saħħa tal-Għawdxin.”
Din l-aħbar tasal ftit tal-jiem wara, li bdew isiru l-ewwel testijiet tal-MRI f’Għawdex, grazzi għall-investiment kontinwu li l-Gvern qed jagħmel fit-teknoloġija għall-kura tas-saħħa f’pajjiżna.
B’dan l-investiment f’magna tal-MRI, twettqet wegħda elettorali oħra, li f’sena se jibbenefikaw minnha madwar tlett elef persuna residenti f’Għawdex.
Dan ikompli jixhed l-impenn biex l-Għawdxin ma jkollhomx jaqsmu l-fliegu, b’bosta drabi kmieni filgħodu, biex jagħmlu dawn it-testijiet fl-Isptar Mater Dei.