Lamin Jaiteh, ir-raġel ta’ 32 sena mill-Gambja, li nstab fuq bankina fl-inħawi ta’ Selmun, jokrob bl-uġigħ, ħareġ mill-isptar.
L-aħbar li Jaiteh ħareġ mill-isptar u rritorna f’daru, ħabbritha Caroline Galea, li hija l-mara li sabet lil Jaiteh mixħut fuq il-bankina, fil-Mellieħa.
Galea qalet li ma’ Jaiteh hemm persuna tieħu ħsiebu.
Caroline Galea qalet li għadu mhux magħruf jekk Jaiteh hux se jkun jista’ jkompli jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Tenniet li għalissa l-flus li nġabru se jintużaw biex imantnu lil Jaiteh u familtu, f’dan iż-żmien li fih ma jistax jaħdem.
Il-kuntrattur Glen Farrugia tressaq il-Qorti, b’rabta ma’ dan il-każ wara li allegatament abbanduna lil Jaiteh fit-triq, wara li dan waqa’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni.
Fil-Qorti, Jaiteh xehed li Farrugia qallu li meta jsibuh barra jgħidilhom li ntlaqat minn karozza u fil-passat il-kuntrattur kien xtralu safety shoes iżda imbagħad kien qatagħhomlu mill-paga.