Ġlied ma’ xadini slavaġġ u anke bix-xwieni f’Kolossew bl-ilma. Dawn huma xeni li jiddominaw it-tieni trailer, li ħareġ it-Tnejn, mill-blockbuster ta’ Hollywood ‘Gladiator 2’, li nħadem ukoll f’pajjiżna.
Bosta kienu ħerqanin għal togħma oħra mis-sequel ta’ Ridley Scott, li jkompli fuq l-ewwel wieħed, li ħareġ 24 sena ilu u wkoll inħadem fostna.
Fil-fatt, it-tieni film ambjentat 23 sena wara l-ewwel film, ikompli l-istorja lil hinn mid-destin ta’ Maximus, il-karattru immortalizzat mill-attur ċelebri Russell Crowe, li wkoll rebaħ l-Oscar għall-Aħjar Attur bl-interpretazzjoni tiegħu dak iż-żmien.
‘Gladiator 2’ issa jiffoka fuq il-karattru ta’ Lucius, interpretat mill-attur Irlandiż Paul Mescal, li jkompli fejn ħalla Maximus.
Minbarra hekk, fil-film għandu wkoll rwol ewlieni l-leġġendarju ta’ Hollywood, Denzel Washington.
Madankollu dak li jagħmel dan il-film tant partikolari speċjalment għalina l-Maltin huma x-xeni li partijiet sew minnhom inħadmu f’pajjiżna, inkluż il-Kolossew. Biss biss, f’dan il-film ħadmu 720 crew Malti u aktar minn 1,300 extra.
B’reazzjoni għal dan it-tieni trailer, li kellu reazzjonijiet mill-aqwa fl-ewwel sigħat mindu ħareġ, il-Kummissarju Malti tal-Films Johann Grech qal li dan il-film se joħloq legat ġdid għal pajjiżna.
‘Gladiator 2’ mistenni joħroġ fis-swali taċ-ċinema fit-22 ta’ Novembru li ġej.