77 immigrant ieħor jinsabu abbord bastiment tal-kumpanija Supreme Cruises, madwar 13-il mil nawtiku ‘l barra minn Malta.
Dan wara li matul il-lejl li għadda dawn l-immigranti ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta.
F’dan il-grupp ma kienx hemm nisa, tfal jew nies oħra meqjusa vulnerabbli u b’hekk kollha ġew trasferiti abbord il-bastiment tas-Supreme Cruises wara li l-bastimenti tal-Captain Morgan huma kollha mimlija.
B’hekk issa t-total ta’ immigranti barra l-ibħra territorjali Maltin jammonta għal 443.
Dawn l-immigranti kollha qed jistennew soluzzjoni ta’ rilokazzjoni mill-Unjoni Ewropea.
F’ċirkostanzi staordinarji ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika, il-Gvern Malti għalaq il-portijiet kollha u filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta baqgħu jsalvaw il-ħajjiet, l-immigranti ttieħdu fuq bastimenti, ‘il barra mill-ibħra territorjali ta’ pajjiżna.
Dan filwaqt li saru diversi talbiet lill-Unjoni Ewropea biex tasal soluzzjoni sensibbli biex il-piż tal-immigrazzjoni jinqasam bejn l-istati membri kollha.