Daniel Xuereb, l-attur komiku, ħareġ illiberat mill-akkużi ta’ insult lejn Pastor Manché, u talli uża ħażin tagħmir elettroniku.
Dan wara li Manché nnifsu kien ressaq l-ilment kriminali dwar Xuereb fl-għassa tal-Imsida.
Xuereb huwa wieħed mit-tliet artisti li tressaq il-Qorti wara ilment minn Manchè għax skontu ħassu offiż.
B’reazzjoni għal dan il-Gvern kien ħa azzjoni immedjata u ressaq ‘il quddiem abbozz ta’ liġi bl-għan li jkompli jkabbar il-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna.
Il-Ministru responsabbli mill-qasam artistiku ta’ pajjiżna, Owen Bonnici kien sostna li “aħna rridu li nkomplu nsaħħu l-libertà tal-espressjoni, anki għax huwa fl-interess tad-demokrazija tagħna.”
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri wkoll ireaġġixxa għal dan, fejn saħaq li “s-soċjetà li rrid ngħix fiha hi waħda li tmexxi ‘l quddiem l-espressjoni artistika u tpoġġi l-kultura fil-qalb tal-kommunitajiet tagħna.”