Kompla l-maltemp fil-kamp tal-Partit Nazzjonalista, bi ġlieda oħra li ħarġet fil-beraħ, kontra kull talba li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech fl-aħħar ġimgħat – kunflitt li ilu jbaqbaq sa minn qabel il-kampanja elettorali u li ħareġ fil-pubbliku wara t-tlissin ta’ nofs ta’ kelma fuq programm tar-radju mid-deputat Nazzjonalista Joe Giglio.
Bħala avukat Joe Giglio kellu każ kontra r-Russa Maria Efimova u fuq ir-radju ġie mistoqsi dwarha. Huwa dlonk tefa’ dubji dwar din il-persuna, li fost l-oħrajn sabet lill-membru parlamentari Ewropew David Casa bħala alleat kbir tagħha. Giglio saħansitra ddeskriviha b’aġġettivi iebsa.
Dan wassal għal reazzjoni ħarxa kontra tiegħu, bid-deputati Karol Aquilina u David Casa nnifsu jkunu fost tal-ewwel li juru li ma jaqblux miegħu pubblikament.
Iżda, din mhix biss diverġenza ta’ opinjoni. Aquilina, li Giglio ħadlu postu fuq id-distrett tant li tela’ bil-by-election, qal li kliem bħal ta’ Giglio jinsulta l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dlonk segwiet stqarrija twila tal-għaqda Repubblika, li akkużat lil Giglio li lil Effimova kien ippersegwitaha u li attakkatu għar-rabtiet tiegħu mal-bank Pilatus.
Repubblika, immexxija minn ħu d-deputat Karol Aquilina, ħadet l-istess pożizzjoni u bil-kummenti tagħha tefgħet pressjoni ċara fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech. Fuq kollox, ta’ Repubblika qalu li b’Giglio l-Oppożizzjoni ttradiet lis-soċjetà ċivili u lill-pulizija. Saħansitra ddeskrivew dikjarazzjonijiet ta’ Giglio bħala tal-waħx, għalkemm qalu li mhumiex sorpriżi.
Flimkien ma’ Repubblika, ma naqsux li jitkellmu wkoll sħabhom tal-Occupy Justice, li b’sarkażmu qalu li Joe Giglio jaħseb li għandu għerf legali infinit. Akkużawh li jitmeżmeż meta jisma’ isem l-għaqda Repubblika. Għamluha ċara li huma u Joe Giglio tal-Partit Nazzjonalista m’għandhomx l-istess valuri.
Fil-frattemp, qabeż fl-arena wkoll l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier, li fuq il-Facebook akkuża lil Joe Giglio li qatt ma jista’ jkun oġġettiv fl-analiżi tiegħu. Huwa għajjar lil Giglio “eks difensur ta’ Pilatus, imħallas mid-diretturi” ta’ dan il-bank. Wissieh ukoll li, bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għandu joqgħod lura minn influwenzi fuq il-kors tal-ġustizzja. Paul Borg Olivier stieden lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, biex joħroġ starrija ta’ stmerrija kontra Giglio, il-Kelliem Ewlieni tiegħu stess.