Strip-search fuq tfajla ta’ 15-il sena mill-pulizija fi skola fil-Lvant ta’ Londra ma kienx każ iżolat, skont il-Kummissarju tat-tfal tal-Ingilterra.
Il-Kummissarju Ingliż għat-Tfal, Dame Rachel de Souza, talbet informazzjoni mill-Pulizija Ingliża wara li d-dettalji ta’ dak li ġara lill-hekk imsejjħa “Child Q” ħarġu fil-pubbliċi f’Marzu li għadda. Il-każ imur lura għall-2020, iżda sar magħruf aktar kmieni din is-sena.
It-tfajla inħarġet minn eżami fil-kamra medika tal-iskola u ġiet strip-searched minn żewġ uffiċjali nisa tal-pulizija li kienu qed ifittxu l-kannabis, filwaqt li l-għalliema baqgħu barra. Waqt l-istrip search, il-partijiet intimi tat-tfajla ġew esposti, filwaqt li ebda adult ieħor ma kien preżenti, il-ġenituri tat-tfajla ma ġewx ikkuntattjati, u ma nstabet l-ebda droga.
Rapport ippubblikat f’Marzu ta’ din is-sena sab li t-tfittxija ma kinitx ġustifikata, u li “probabilment kien hemm element razzist”. Il-każ qanqal protesti fl-Ingilterra dwar il-mod kif qed ikunu trattati studenti tal-iskola.
Skont informazzjoni miġbura bħala parti mill-investigazzjoni tal-kummissarju għat-tfal, madwar 650 strip-search twettqu bejn l-2018 u l-2020 fi skejjel fl-Ingilterra. Minn dawn, każi kwart saru mingħajr il-preżenza ta’ adult. Aktar minn nofs dawk li ġew imfittxija kienu subien ta’ karnaġġjon skura.
Il-Pulizija qalet li minn dak iż-żmien, diġà wettqet xi bidliet, tat pariri lill-uffiċjali dwar kif jittrattaw l-iskejjel u t-tfal, u rrevediet il-politika tagħha dwar strip searches fejn jidħlu tfal.
Scotland Yard qalet li l-azzjonijiet tal-uffiċjali kienu “ta’ dispjaċir” u “qatt ma kellhom iseħħu”.