It-tnax-il tifel li kienu salvati minn għar mgħarraq fit-Tajlandja tkellmu fil-pubbliku fuq dak li għaddew minnu għall-ewwel darba, fejn iddeskrivew il-mument tal-miraklu meta nstabu mill-bugħaddasa.
It-tfal kienu maqbuda fl-għerien Tham Luang għal iktar minn ġimagħtejn, u ħarġu mill-isptar kmieni l-Erbgħa filgħodu.
It-tnax, li huma membri ta’ team tal-football bl-isem Wild Boars, kienu lebsin il-flokk tat-team waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Chiang Rai.
Huma ntlaqgħu minn banner bil-kliem Bringing the Wild Boars Home fuq palk li kien iddisinjat biex jixbah grawnd tal-football.
It-tfal qalu li se jitgħalmu minn dak li għaddew minnu. Wieħed minnhom wiegħed li se joqgħod iktar attent u jgħix ħajtu bl-aħjar mod possibbli, filwaqt li tifel ieħor qal li l-esperjenza għallmitu jkun iktar paċenzjuż.
Il-kowċ, li kien salvat flimkien mat-tfal, fakkar il-memorja ta’ Saman Kunan, in-Navy Seal li miet waqt l-operazzjoni.