Iterqu mat-toroq dojoq taż-Żejtun biex iwasslu messaġġ favur l-ambjent.
L-Erbgħa filgħodu numru ta’ studenti tal-iskola sekondarja taż-Żejtun fi ħdan il-kulleġġ St. Thomas Moore għamlu mixja simbolika iżda fuq kollox kienu vuċi ambjentali.
Fl-isfond li fid-dinja jintużaw 5 biljun baskett tal-plastik, dawn l-istudenti marru sas-suq li jarma viċin il-Knisja taż-Żejtun u qasmu messaġġi b’informazzjoni favur l-użu tal-basktijiet tad-drapp.
Kelly Borg stqarr ma’ ONE News: “Dawn il-bags li jiġu iktar iżgħar ħalli n-nies jkunu jistgħu jqegħduhom fi spazju iktar żgħir minflok il-plastik.”
Dawn l-istudenti ġabru wkoll xi flus għal-fkieren, speċi li qed jinqerdu kawża tal-plastik li qed jispiċċa fil-baħar. Studenta oħra Katrina Abela spjegatilna: “L-għan tagħna hu biex issa bil-flus u d-donazzjonijiet li qed niġbru naddottaw fekruna speċjalment li jkunu mweġġgħa jew b’diżabilita u ngħinu aktar l-ambjent.”
L-għalliema Anthea Saliba tat esperjenza edukattiva sabiħa lil dawn l-istudenti barra l-erba’ ħitan tal-klassi. Hija saħqet fuq il-ħtieġa li nħallu ambjent aħjar lil ta’ warajna: “Ħa nuża l-kliem ta’ l-istudenti stess li jgħidu lilna meta ġiet biex nisseparaw l-iskart kullħadd għamilha għax ħarġet min-naħa tal-gvern. So il-fatt li nibdew aħna bil-ftit eventually ħa nwasslu biex kemm jista’ jkun nnaqqsu dan l-użu tal-plastic bags. U allura nibbenefikaw aħna mill-ambjent imma fl-aħħar mill-aħħar ukoll it-tfal tagħna.”