B’kolloborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Kunsill Malti għall-Arti, ġew ippubblikati l-COVID-19 Transition Guidelines għall-produzzjonijiet artistiċi li se jiġu organizzati f’teatri pubbliċi u privati, kemm fuq ġewwa u fuq barra, inklużi performance spaces oħrajn.
L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jippromwovu prattiċi siguri tax-xogħol għall-maniġment tat-teatru, producers, ekwipaġġ u artisti kif ukoll biex jissalvagwardjaw il-benesseri tal-patruni. Il-linji gwida jieħdu inkonsiderazzjoni l-aspetti artistiċi u finanzjarji tal-produzzjonijiet kulturali.
Il-Ministru Josè Herrera stqarr li dawn il-linji gwida ħa jiżguraw li t-teatri li hawn madwar il-gżejjer Maltin jadottaw mekkaniżmi adekwati sabiex jikkontrollaw ir-riskji relatati mal-Coronavirus.
Huwa li l-Ministeru u l-Kunsill Malti għall-Arti matul ix-xhur li għaddew, żammew kuntatt kostanti ma’ diversi artisti kif ukoll mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jiżguraw li l-linji gwida li qed jinħarġu jilħqu l-bilanċ ġust bejn ir-regolamenti tas-saħħa u s-sopravivenza artistika u ekonomika tat-teatri tagħna.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li huwa importanti li t-teatri tagħna, kemm dawk fuq ġewwa u fuq barra, pubbliċi u privati, jiftħu l-bibien tagħhom sabiex jibdew jilqgħu lill-udjenzi tagħhom lura wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-Covid-19.
Iżda mill-bnada l-oħra l-produutti huma mistennija li jieħdu ħsieb is-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-artisti, tal-ekwipaġġ, u tal-ħaddiema l-oħrajn kollha. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jinkludu wkoll kuntratturi u delivery persons kif ukoll lill-udjenza.
Dawn il-linji gwida jipprovdu kunsiderazzjonijiet ġeneriċi li l-amministrazzjoni tat-teatri u l-produtturi għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni meta jiddeċiedu li jibdew il-wirjiet pubbliċi.
Dawn il-linji gwida jinkludu: id-distanza soċjali, l-adekwatezza tal-faċilitajiet, l-arranġamenti għat-tindif u bidliet oħrajn li jistgħu jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-udjenzi u tal-artisti, huma parti mil-lista riveduta ta’ regolamenti li ser jirregolaw is-settur teatrali b’ effett immedjat.
Il-Kunsill Malti għall-Arti, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru, waqqaf il-‘COVID-19 Transition Arts Advisory Group’ sabiex jaġixxi bħala punt ta’ referenza u jiżgura tranżizzjoni ta’ suċċess permezz tal-istabbiliment ta’ netwerk u skambju ta’ għarfien u b’hekk iwassal biex jiġu identifikati kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu, jinstabu soluzzjonijiet u jiġu pprovduti gwidi filwaqt li jinstab bilanċ bejn l-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet u ż-żamma sigura tan-nies.
Kuntatti:
Tel: 23347227
Email: artsassistance@artscouncil.mt