Tnediet id-dsatax-il edizzjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ, li huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, li se ssir b’mod virtwali, se jkunu diskussa ħames suġġetti fosthom l-ispazji pubbliċi, ir-riforma parlamentari u r-relazzjoni bejn l-Istat u Knisja.
Il-President tal-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ Liam Axisa qal kif din hija opportunità għaż-żgħażagħ bejn it-tlettax u l-ħamsa u tletin sena sabiex issemgħu leħinhom u li twassal għad-diskussjoni fil-Parlament.
Filwaqt, li ż-żagħżugħa Martina Grech, li ġiet maħtura bħala Direttur għad-Diskors Politiku ħeġġet liż-żgħażagħ sabiex japplikaw.
Hija qalet, “Inħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu sehem, japplika mill-website tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ biex ikun parti minn din id-diskussjoni.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ Clifton Grima qal kif din hija opportunità fejn iż-żgħażagħ jiddiskutu temi differenti li jolqtu anki lilhom.
Huwa stqarr: “Huwa kruċjali li ż-żgħażagħ intuwhom l-għodda, intuhom il-possibiltà illi jagħmlu d-differenza fis-soċjetà tagħna. Allura ta’ min ifaħħar din l-inizjattiva tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ illi għad-19-il sena konsekuttiva se jkun qed jorganizza l-Parlament Nazzjonali għaż-Żgħażagħ.”
L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal kif minkejja l-pandemija din l-attività se ssir xorta waħda u b’hekk l-imxija mhux se twaqqaf liż-żgħażagħ milli jiddibattu.
Dr Farrugia sostna: “Ovvjament din is-sena minħabba l-pandemija kellna nosservaw ukoll ir-regolamenti tas-saħħa, id-distanza soċjali u ovvjament il-plenarja se ssir b’mod virwali. Però l-punt importanti hija illi dan ma jfixkel xejn mill-ħidma tal-Parlament taż-Żgħażagħ, tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.”