Grupp ta’ studenti fl-Università ta’ Malta li qed jaspiraw li jsiru periti ħarġu bl-idea sabiex mill-alka tal-baħar jagħmlu installazzjonijiet sostenibbli sabiex wieħed ikun jista’ jistkenn taħthom mill-qilla tax-xemx.
Dan id-disinn ġibed l-għajn ta’ bosta professjonisti fil-qasam minn Milan, li għażlu l-idea tal-istudenti Maltin – Luke, Martina, Tara, u Owen – sabiex jesebixxu l-proġett tagħhom f’waħda mill-akbar esebizzjonijiet magħrufa bħala Design Week, fl-Italja.
Fl-Università rajna l-proċess ta’ kif isiru dawn l-istrutturi, fejn l-alka mxarrba titħallat ma’ karti riċiklati u titħalla tinxef.
Kull sena, aktar minn sebat elef tunnellata ta’ alka mill-ibħra tagħna jispiċċaw mormija u l-inizjattiva tal-istudenti Maltin tista’ tibdel il-mentalità ta’ kif wieħed iħares lejn l-alka, billi jibda jaraha bħala ħaxix tal-baħar li jagħmel il-ġid.
L-istudenti qed jinvestigaw ukoll kif l-alka tista’ ssir materjal biodegradabbli u b’hekk ikollha użu importanti.
It-tunnellati kbar ta’ alka niexfa li jispiċċaw fuq il-bajjiet qed joħolqu problemi kbar u, fi kliem bosta, qed ikunu wkoll parti mill-qirda tal-ambjent ta’ madwarna.
David Debattista. Li hu l-President tal-għaqda studentestka fil-Fakultà tal-Arkitettura, SACES, qalilna kif proġett bħal dan għandu l-għan ukoll li jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Qal, “L-idea li nużaw riżorsi li ma tantx nikkunsidraw li nistgħu nużaw, f’dan il-każ l-alka mill-bajjiet tagħna. Ovvjament, hija idea li nużaw dawk ir-riżorsi li s-soltu narmu; idea li, minflok narmu ċerti affarijiet, nużawhom għal opportunitajiet oħrajn.”
David Debattista qal ukoll li, minn dan il-proġett, apparti li se jibbenefika l-ambjent, se jibbenefikaw in-nies.
Qal, “Aktar milli xejn, aħna ridna bħala tim noħolqu materjal li forsi jista’ jerġa’ jintuża fil-bajjiet tagħna, anke fuq ir-ramel stess bħala shading devices, u naraw kif se jiżiluppa l-prodott u kif nistgħu nsaħħuħ fi prodotti simili.”
Ġie spjegat ukoll kif f’Malta dejjem użajna riżorsi lokali bħall-melħ, il- ġebla Maltija, u-tafal, iżda l-istudenti qed jaspiraw li jużaw l-alkla bħala sors ieħor lokali u abbundanti.
Din se tkun l-ewwel darba li studenti Maltin se jitilgħu u jesebixxu x-xogħol tagħhom fid-Design Week ta’ Milan, ħaġa li se tkompli tgħolli isem pajjiżna u titfa’ għajnejn bosta fuq it-talent Malti.