Grupp ta’ riċerkaturi Maltin fil-fakultà tal-podjatrija u l-inġinerija jinsabu għaddejjin b’ħidma biex jiżviluppaw suletta li għandha l-għan li tnaqqas il-pressjoni fuq parti mis-sieq ta’ pazjenti li jkunu morda bid-dijabete.
L-Ispeċjalista David Gatt li qiegħed jaħdem fuq dan il-proġett bl-isem ta’ iFoot qal li f’pajjiżna jsiru madwar 500 amputazzjoni fis-sena.
Spjega li l-pressjoni tal-mixi ġieli twassal għall-feriti li pazjent biz-zokkor ikollu fis-sieq u li jispiċċaw iwasslu għall-amputazzjoni.
Dr Gatt spjega li dan il-proġett għandu l-potenzjal li jkun invenzjoni unika fid-dinja li tkun ta’ għajnuna kbira għal dawk kollha li jbatu mid-dijabete.
L-Ispeċjalista Gatt stqarr, “Hija teknoloġija ġdida avvanzata, komputerizzata wkoll, illi persuna illi għandu d-dijabete, meta juża din it-teknoloġija, se timmaniġja in real time, il-pressjoni li jkun hemm fil-qiegħ tas-sieq u tbiddel il-pressjoni waqt li persuna timxi.”
Dan il-proġett huwa wieħed minn sitta li jista’ jsir kummerċjalment vijabbli wara li ngħata għotja ta’ €20,000 mill-programm ‘Takeoff Seed Fund Awards’.
Dr Gatt qal li permezz ta’ din l-għotja se jkunu jistgħu iqabbdu inġinier sabiex jaħdem fuq dan il-proġett.
Id-Direttur ta’ ‘Takeoff Seed Fund Awards’, il-Professur Russell Smith spjega kif dan il-programm jgħin lil bosta intraprendituri ġodda jibdew jattwaw l-invenzjoni tagħhom. Qal kif għal intraprenditur li tirċievi fondi mill-istat hija għajnuna kbira.
Il-Professur Smith spjega, “Often seed funding comes from friends and family but to get SEED funding from both governments and University backing adds an extra something. It is telling people that other people have approved what you are doing and that they back it and support it.”
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq dwar l-importanza li s-sistema edukattiva tagħna ma tkunx waħda li tillimita l-kreattività. Qal li dawn l-intraprendituri ġodda huma xempju ta’ kemm il-kreattività hija waħda mill-aqwa attributi ta’ kull student.