Disa’ persuni ġew salvati minn għexieren ta’ persuni li kienu fuq bajja, dan wara li kienu se jgħerqu. Dan hekk kif l-istess persuni li kienu fuq il-bajja ħolqu katina umana sakemm waslu ħdejhom.
Roberta Ursrey u r-raġel tagħha, ommha, in-neputi u t-tfal tagħha nqabdu fil-kurrent f’Panama City fi Florida, il-Ħadd wara nofsinhar.
Persuni li kienu fuq il-bajja li raw dak li kien qed jiġri għall-ewwel ma setgħu jagħmlu xejn iżda Jessica Simmons, li kienet miexja fuq il-bajja wara ikla mar-raġel tagħha, ġietha idea brillanti.
“Kont naf li b’xi mod kien se jirnexxieli nsalvahom u għidt lili nnifsi li dawn il-persuni mhux se jmutu llum,” qalet Simmons.
Kien minn hemm li hi qalet lin-nies fuq il-bajja biex joħolqu katina umana, sakemm sa fl-aħħar jaslu għal fejn kienu dawn il-persuna biex id f’id isalvaw lil kull wieħed u waħda minnhom.