Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson mistenni jaffaċċja mistoqsijiet parlamentari dwar festin li sar f’Downing Street u li għalih attendew 100 persuna, fosthom Johnson u martu.
Dan kien sar lura f’Mejju tal-2020 meta l-Ingilterra kien fl-ewwel lockdown u fl-istess żmien li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, l-WHO kienet twissi biex ma jkunx hemm gruppi kbar ta’ nies flimkien.
Johnson se jkun qed iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet għall-ħabta tas-siegħa, ħin lokali.
Intant, il-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Ingliża, Angela Rayner talbet għar-riżenja tal-Prim Ministru Ingliż fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet. Hija tenniet li l-pożizzjoni tiegħu mhix tenibbli.
L-istess ħsieb qasmu l-Membru Parlamentari Konservattiv Ingliż Nigel Mills, li huwa fost l-ewwel membri mill-istess partit ta’ Johnson li ħareġ fil-pubbliku jikkritika l-Prim Ministru Ingliż.