Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qed jippersisti biex jibqa’ mwaħħal fuq is-siġġu tal-poter, minkejja li qed jaffaċċja riżenja ministerjali, waħda wara oħra.
Fil-fatt, f’jum ikkaratterizzat b’numru ta’ riżenji mill-kabinett, issa Johnson għandu 20 kariga ministerjali x’jimla.
Ilbieraħ kienu bosta, anke dawk li kienu meqjusa leali lejn il-Prim Ministru Ingliż, li sejħu għar-riżenja tiegħu. Iżda, Johnson qed ikompli jsabbat saqajh u qed jinsisti li għandu mandat qawwi biex jibqa’ jiggverna hu mill-votanti.
L-aħħar riżenja waslet mill-Ministru għall-Wales, fejn fl-ittra tar-riżenja tiegħu qal li m’għandux għażla oħra. Huwa wkoll kien talab lil Johnson biex jirreżenja, talba li s’issa għadha mhux qed tiġi kkunsidrata.