Minn Jessica Alba għal Roxy Jacenko, ċelebritajiet u persuni famużi huma fost il-ħafna li qed jiġġennu wara d-ditta tad-disinjatur tal-moda Awstraljan Johnny Schembri.
Fost bosta ċelebritajiet issa anke waħda mill-aħwa Kardashians, Kourtney, intlemħet liebsa lbies mid-ditta ta’ By Johnny waqt li kienet fuq vaganza f’Costa Rica.
Ritratt li ttella’ fuq il-midja soċjali juri lil Kourtney liebsa tip ta’ bra b’disin mill-isbaħ, tippoża għal kamera.
Apparti Kourtney, id-ditta By Johnny libset numru kbir ta’ ċelebritajiet waqt okkażżjonijiet formali.
Id-ditta ta’ Johnny hi mmudellata fuq stil passat iżda mbiddla biex tieħu xetħa moderna għaż-żminijiet tal-lum.
“Għal kull libsa nieħu kollox inkunsiderazzjoni. Kemm l-istil tal-persuna, id-dehera tal-klijent u l-aktar ħaġa importanti l-okkażjoni,” qal Johnny f’intervista ma’ sit Awstraljan.
Johnny Schembri li għandu 29 sena beda l-karriera tiegħu fl-2009, ibigħ l-ilbies li kien joħloq fuq il-monti f’Sydney.
Hu kompla jistinka u fl-2011 irnexxielu jirbaħ Project Runway, programm ta’ stilisti li jkunu għadhom kif bdew fix-xena, u fl-2014 id-ditta tiegħu ntgħażlet minn Myer, li għadhom s’issa jbigħu d-ditta tiegħu f’madwar ħamsin ħanut.