L-attur John Suda ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn wara li fl-2015 wettaq atti indiċenti fuq attriċi ta’ 22 sena.Il-Qorti semgħet kif Suda stieden lil vittma għal taħriġ fit-teatru wara li din intagħżlet biex tieħu sehem f’teledramm lokali. Malli wasslet, Suda allegatament ordna li l-attriċi tinża ħwejjiġha u tibda tirreċta. Wara, rabtilha ċaruta ma għajnejha u ordna li timxi madwar il-kamra għarwiena. Dan kollu bl-iskuża li l-karattur li hi kienet se tinterpreta kien wieħed avventuruż sesswalment.
Allegatament Suda neża’ ħwejġu u qal lill-vittma biex tpoġġi fuqu u tirreċta li qed tipprova tqajmu mill-mewt. Hawnhekk, Suda beda jmissha b’mod mhux xieraq. Jiem wara dan, Suda bagħat messaġġ lill-vittma fejn qalilha li marret tajjeb fis-sessjoni ta’ taħriġ.
Jidher li l-vittma ma setgħetx titlaq minn darha għal numru ta’ jiem minħabba din it-trawma, tant li l-imgħallem tagħha ordna li din tingħata l-għajnuna minn psikjatra.
Suda qal lill-Pulizija li uża dan il-metodu diversi drabi biex jara kemm l-atturi jkunu kapaċi jżommu kalmi f’ċertu xeni. Inisista li ħadd ma jitkellem fuq dan it-tip ta’ taħriġ għaliex mhux etiku li wieħed jgħaddi din it-tip ta’ informazzjoni.
Iżda fix-xhieda tagħha, il-vittma qalet li waqt li Suda ordnalha biex tinża ħwejjiġha, qalilha li trid tkun preparata għal dawn l-affarijiet jekk hi trid tkun attriċi tajba.
Suda ppreżenta tijoriji fil-Qorti dwar il-metodu li uża mal-attriċi, u nsista li kien qed jiffoka biss fuq l-espressjonijiet ta’ wiċċha. Huwa ammetta li qatt ma’ kellu dawn it-tip ta’ sessjonijiet mal-irġiel.
Il-Qorti żiedet tgħid li kien evidenti li t-tfajla ma riditx tkun imħarrġa b’dan il-mod u li dan l-hekk imsejjaħ metodu kellu intenzjonijiet ħżiena. Qalet ukoll li kieku veru Suda kellu l-intezjoni li jħarreġ lit-tfajla, kien javżaha minn qabel u jtiha ċans tagħmel ir-riċerka tagħha dwar dan il-metodu.
Il-Qorti sabitu ħati ta’ atti indiċenti, iżda mhux li żamm lit-tfajla kontra r-rieda tagħha. L-attur ingħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn, u ordnat li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.