John Spiteri huwa fost is-sittax-il persuna arrestati b’rabta ma’ allegat ċirku kbir ta’ traffikar tad-droga.
L-arresti saru waqt rejd t’operazzjoni tal-Pulizija Taljana li fiha ħadu sehem mal-mitt uffiċjal.
Fl-operazzjoni ‘La Vallette’ ġew arrestati Taljani, Albaniżi u l-Malti John Spiteri.
L-arresti b’rabta ma’ qabda ta’ 423 kilogramma droga saru f’Katanja, f’Ragusa, f’Sirakuża u f’Kalabrija.
Ġie rappurtat ukoll li saru xi arresti f’Malta iżda f’dan l-istadju l-Pulizija Maltija għadha ma kkonfermatx.
L-ismijiet tal-arresti ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-pulizija Taljana u huma; Alessandro Agostino, Giuseppe Agostino, Salvatore Agostino, Rosario Amico, Lucia Armenia, Antonio Bevilacqua, Rocco Bevilacqua, Antonio Salvatore Commisso, Fatjon Cuca, Emiliano Hoxhaji, Eriseld Hoxhaji, Ledi Hoxhaji, Roberto Melfi, Pietro Sessa u John Spiteri.
Fil-każ hemm implikat ukoll Fabrizio Catania, li tliet snin ilu kien irrappurtat li nqabad jittraffika 84 kilogramma droga kannabis.
Ingħad li Amico kien qed imexxi ċ-ċirku kbir ta’ traffikar tad-droga, b’Armenia u Sessa jaħdmu għalih biex jaslu l-kunsinji tad-droga mill-Albaniżi Hoxhaji.
Hu mifhum li d-droga kienet terġa’ tinbiegħ u hawn issemma l-Malti John Spiteri, li kien jixtri d-droga biex tiġi traffikata f’Malta.