John Spiteri, il-Malti msemmi bħala traffikant ewlieni f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga bejn l-Italja, l-Albanija u Malta għadu mfittex mill-Awtoritajiet Taljani.
Irrappurtat dan il-gazzetta MaltaToday hekk kif skont dokumenti ġudizzjarji, Spiteri bħalissa mhux qed jgħix l-Italja u kollox juri li ma ġiex arrestat fir-rejd li seħħ nhar l-Erbgħa li għadda.
Rejd li wasal wara investigazzjoni mill-awtoritatjiet li ħadet madwar erba’ snin.
Fil-fatt nhar l-Erbgħa li għadda f’operazzjoni maġġuri msejħa La Vallette, membri tal-Guardia di Finanza arrestaw numru ta’ persuni u nqabdet mal-423 kilogramma droga.
Din l-operazzjoni kienet maqsuma f’partijiet differenti fl-Italja hekk kif l-arresti saru kemm f’Katajna u Ragusa u wkoll f’Sirakuża u f’Kalabrija.
Ma’ ONE News l-Erbgħa li għadda, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta qal li Spiteri ma ġiex arrestat f’pajjiżna filwaqt li ma kien hemm l-ebda talba sabiex uffiċjali Maltin jgħinu fl-operazzjoni.
B’rabta ma’ din l-operazzjoni, rapporti speċjalment fil-midja Taljana żvelaw konversazzjonijiet li fihom kien involut il-Malti John Spiteri u l-moħħ wara dan iċ-ċirku ta’ traffikar Rosario Amico.
F’dawn it-telefonati Amico, jinstema’ jgħid f’telefonata li Spiteri għandu joqgħod iżjed attent għaliex inkella se jinqabdu u jispiċċaw il-ħabs.
“Hawnhekk mhux qed inġibu l-ħelu jew il-kejkijiet”, instema’ jlissen darba minnhom Amico.
Il-Pulizija tefgħet għajnejha fuq Amico wara li nnuttat li kien qed jiddikjara ftit li xejn mid-dħul tiegħu minkejja li kien qed jgħix ħajja lussuża.
Il-Pulizija fi Sqallija qed timxi fuq it-teżi li Spiteri kien imexxi d-droga f’Malta li kienet tinġab mill-Albanija u parti minnha tinbiegħ fi Sqallija u n-Nofsinhar tal-Italja u parti oħra kienet tinbiegħ lejn Malta.
Din id-droga kienet tasal f’Malta bil-baħar billi jintuża l-Katamaran bejn Sqallija u Malta.
L-istess droga imbagħad kienet tispiċċa f’ħanut tal-ħaxix f’Ħ’Attard u f’garaxx fil-Marsa.