L-aħħar lejla tas-sena fil-Belt se tkun ikkaratterizzata minn kunċert mill-isbaħ u li se jġib miegħu l-artist ta’ fama mondjali John Newman.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta hekk kif tħabbru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied u l-aħħar tas-sena.
Dan wara li s-sena li għaddiet ħafna minn dawn l-attivajiet ma setgħux isiru minħabba l-pandemija.
Dan kollu se jsir fl-ambitu tal-attività Christmas in the City li se tkun qed tibda mit-22 ta’ Novembru u li propju tagħlaq f’lejlet l-ewwel tas-sena.
Dwar dan tkellimna maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef.
Huwa aċċenna wkoll għall-attivitajiet oħra li se jkunu qed isiru tul dan il-perjodu ta’ ftit aktar minn xahar: “Qed nitkellmu fuq medja ta’ attività kuljum jiġifieri f’ċertu ġranet se jkun hemm min 2 għal 3 attivitajiet. Naturalment huwa l-Milied tal-familja għandna u żidna wkoll tiżjin f’toroq differenti fosthom Triq l-Arċisqof, il-projezzjonijiet fi Pjazza San Ġorg, naturalment id-dwal ta’ Triq ir-Repubblika u Triq Merkanti imma mbagħad għandek arti performattiva, għandek bands għandek ċelebrazzjoni ta’ kif il-Milied huwa magħmul, għall-familja.”
Intant il-Ministru għall-Kultura José Herrera. li wkoll attenda għal din il-konferenza, irrimarka l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet anke mill-att ekonomiku.
Tenna wkoll li l-aħħar kunċerti li saru b’udjenza kbira ma wasslu għal ebda żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 u b’hekk dawn l-attivitajiet jistgħu jsiru b’serħan il-moħħ: “Għamilna numru ta’ kunċerti anki bil-wieqfa bħala test, kien kulħadd vaċċinat kollox skont il-protokolli u ma kienx hemm inċidenti. Dan tagħna kuraġġ nimxu l-quddiem u allura din is-sena ħa nagħmlu kif konnha nagħmlu qabel il-pandemija Christmas in the City. Inħeġġu n-nies jattendu bi ħġarhom għal dawn l-avvenimenti.”