F’laqgħa li kellu mal-President Amerikan John F. Kennedy, il-Prim Ministru Malti George Borg Olivier kien spiċċa imbarazzat.
Dan huwa dokumentat u ġie rrapurtat mill-gazzetta Kullħadd, f’artiklu dwar din il-laqgħa bejn il-President Amerikan u l-Prim Ministru Malti, li seħħet sena qabel l-indipendenza.
Dokumenti tal-gvern Amerikan li jitfgħu dawl dwar l-istorja tal-Istati Uniti jixhdu l-għerf li l-President Amerikan John F Kennedy kellu dwar l-istorja ta’ Malta.
Saħansitra iktar mill-Prim Ministru Malti nnifsu.
In-noti huma rakkont ta’ ċertu William R. Tyler li kien jaħdem viċin il-President Kennedy tant li kien preżenti għal-laqgħa li l-President Kennedy kellu mal-Prim Ministru Malti.
Il-laqgħa li ġrat f’Settembru tal-1963 baqgħet ittimbrata f’moħħ Tyler tant li niżżilha fin-noti tiegħu.
Dawn in-noti li llum jinstabu f’arkivji sħaħ online, kienu meħuda deċenji ilu u għalhekk ir-rakkonti huma mistennija li jkunu xi ftit jew wisq korretti għax intqalu friski.
F’għajnejn l-uffiċjal li rrakkonta, il-Prim Ministru Borg Olivier ma kienx xi wieħed li jimpressjona u għalhekk jirrakkonta xi ftit sorpriż, kif Kennedy ma ħassarx il-laqgħa skedata.
“Għalkemm il-Prim Ministru kien mistħi biex nibdew, fi ftit minuti l-President ġiegħlu jħossu komdu u żammu hemm għal 45 minuta,” jirrakonta Tyler.
Jingħad li ħafna mill-ħin kien iffukat fuq mistoqsijiet marbuta mal-ekonomija ta’ Malta.
Dan sakemm il-President Kennedy dar fuq l-istorja ta’ Malta u beda jitkellem fuq kemm il-poplu Malti kellu okkażjonijiet fejn wera kuraġġ.
“Il-President Amerikan beda jitkellem dwar l-Assedju ta’ Malta tal-1565, u beda jistaqsi mistoqsijiet lill-Prim Ministru b’mod mgħaġġel,” kompla jkun dokumentat.
Hawn intqal kif Kennedy kien saħansitra infurmat dwar l-istorja ta’ Malta, iktar mill-Prim Ministru nnifsu.
Il-Kullħadd tgħid fl-artiklu kif Borg Olivier ma setax jifhem kif il-President tal-Istati Uniti bir-responsabbiltajiet kollha li kellu u l-piżijiet fuq spalltu, kellu ċ-ċans ikun infurmat tant fuq Malta, saħansitra iktar minnu.
L-artiklu fil-Kullħadd iżid jisħaq ukoll kif Kennedy isaqsi lil Borg Olivier jekk qarax ktieb dwar l-Assedju ta’ Malta, bil-Prim Ministru iwieġeb li lanqas biss qrah.