L-eks Ministru Nazzjonalista u Kummissarju Ewropew, John Dalli, se jiffaċċja akkużi l-Qorti b’rabta ma’ każ li kien wassal għar-riżenja tiegħu minn Kummissarju Ewropew responsabbli mis-settur tas-saħħa.
Rapporti f’mezzi oħra tal-midja qed jgħidu li dan il-każ mistenni jibda jinstema’ fis-17 ta’ Settembru.
L-akkużi huma marbuta ma’ allegata talba minn eks kollaboratur tiegħu biex tinbidel liġi Ewropea dwar l-isnus, forma ta’ tabbakk li ma jitpejjipx.
John Dalli, li kien innominat għall-Kummissarju Ewropew minn Lawrence Gonzi, kien irriżenja f’Ottubru 2012 proprju minħabba l-każ li qam b’rabta ma’ direttiva li tirregola dan il-prodott.
L-ewwel investigazzjonijiet saru mill-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi tal-Unjoni Ewropea, l-OLAF, li kienet l-ewwel li investigat l-allegat każ ta’ korruzzjoni.
B’rabta mal-istess każ diġà hemm il-Qorti Silvio Zammit, li kien eks Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema.
B’reazzjoni għal dawn l-akkużi, l-eks Kummissarju Dalli ta kummenti it-Times of Malta t-Tnejn filgħodu u ddeskriva l-każ kontra tiegħu “bħala frodi oħra”.
Ma’ midja oħra qal li se jiġġieled l-akkużi b’saħħa u rrimarka li ma għaddewx flus għandu.
John Dalli kien politiku ta’ esperjenza kbira fi Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ Eddie Fenech Adami u kien maħtur bħala Kummissarju Ewropew fl-2009.
Dan wara li kien ikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ftit tas-snin qabel.