L-eks Kummissarju Ewropew għas-Saħħa John Dalli issa jista’ jiġi formalment akkużat b’allegazzjonijiet ta’ tixħim fil-Qrati Maltin.
Dan wara li l-Unjoni Ewropea neħħiet l-immunità li kellu.
B’hekk il-kawża kontrih tista’ tibda fil-21 ta’ Diċembru hekk kif il-Prosekuzzjoni tkun tista’ takkużah b’tixħim fuq allegat każ li jinvolvi €60 miljun sabiex juża l-influwenza li kellu favur bidla fil-liġi tat-tabakk Ewropew, l-isnus.
John Dalli dejjem ċaħad dawn l-akkużi kontrih.
Fil-fatt, kelliem għall-Kummissjoni Ewropea sostna mal-gazzetta The Times li l-eżekuttiv iddeċieda li Dalli titneħħielu l-immunità li kien igawdi bħala eks Kummissarju Ewropew.
“Il-Kummissjoni tista’ tikkonferma li wara talba mill-Avukat Ġenerali ta’ Malta, il-Kummissjoni Ewropea neħħiet l-immunità tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli,” tenna l-kelliem tal-Kummissrjoni Ewropea.
Madankollu l-istess kelliem tenna li din id-deċiżjoni ma tfissirx li l-Kummissjoni Ewropea qed tgħid li Dalli għandu jiġu akkużat hekk kif spjega li l-preżunzjoni tal-innoċenza għandha tibqa’ applikata.
L-allegat każ ta’ tixħim li allegatament huwa involut fih John Dalli jmur lura għall-2012. Rapport mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-OLAF kien implika lill-John Dalli u l-kanvasser tiegħu u Kunsillier Nazzjonalista fuq tas-Sliema Silvio Zammit.
Zammit kien akkużat ftit wara bl-involviment tiegħu f’dan l-allegat każ ta’ tixħim minn kumpaniji Żvediżi. Zammit kien wieġeb mhux ħati madankollu l-każ tiegħu għadu għaddej.
Minn naħa tiegħu John Dalli kien evita li jiġi akkużat f’Malta minkejja li kien investigat madwar 10 snin ilu. Il-każ reġa’ tqajjem mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li kien oriġinarjament investiga l-każ.
John Dalli kien politiku ta’ esperjenza kbira fi Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ Eddie Fenech Adami u kien maħtur bħala Kummissarju Ewropew fl-2009.
Dan wara li kien ikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ftit tas-snin qabel.
Dik l-elezzjoni għall-Kap Nazzjonalista kien rebaħha Lawrence Gonzi.