Ġie l-ewwel fl-eżami tal-pjanu ta’ Trinity College London mill-istudenti f’Malta li poġġew għal dan l-eżami diffiċli fi Grad 8, jiġifieri fl-livell avvanzat. Tkellimna ma’ John Cutajar li ta’ sittax-il sena qed jara quddiemu futur mużikali sabiħ.
John spjegalna li ilu jitgħallem il-pjanu għal għaxar snin. Huwa qed jingħata d-direzzjoni mużikali mill-għalliema tiegħu s-Surmast Beniamina Portelli. Din mhux l-ewwel darba li John irnexxielu jiġi l-ewwel f’dawn l-eżamijiet, iżda din fil-fatt hija l-ħames darba. Marki li ġejjin minn namra li John għandu għal mużika.
“Il-mużika, sempliċiment hija ħajti, hija l-aħjar lingwa biex nesprimi ruħi. Meta kont żgħir kont nikkomunika bil-kant u bqajt bil-mużika ġo fija. Issa li qed nikber qiegħed ninduna li mingħajr mużika ma nagħmel xejn. Ma nitgħallimx il-pjanu biss, iżda nitgħallem indoqq ukoll il-kurunetta u qed nagħmel eżamijiet oħra biex nitgħallem iżjed varjetà fuq strumenti oħra.”
Dan għaliex mill-mużika, John jixtieq jagħmel karriera u jixtieq isir mużiċista magħruf f’pajjiżi oħra biex ikun jista’ jkun il-protagonista f’kunċerti tal-mużika biex ikompli jkabbar l-għarfien mużikali tiegħu.
F’din il-ħolma tispikka d-determinazzjoni tiegħu. Qalilna li “impossibbli li tkun taf li biċċiet mużikali kollha, għalhekk qatt ma nieqaf nitgħallem.”
Madanakollu, r-riżultati pożittivi li qed jirnexxielu jġib ifissru ħafna. Fi kliemu, “jiswew bħala ċertifikat sabiħ li jkompli jżejjen ir-reputazzjoni mużikali tiegħek u jwasslu għal sodisfazzjon kbir, li tara li l-prattika kollha li tkun għamilt inti flimkien mal-għalliem tiegħek wasslet għar-riżultati.”