F’lejl frisk Malti, ċertu John Cauchi kien jinsab f’kafetterija (le, mhux is-Serkin) u flimkien ma’ sħabu kien qed jagħmel wieħed mill-aktar passatempi għall-qalbu: jilgħab l-isnooker fl-Anglo Maltese League Club, il-Belt Valletta.
Xejn ta’ barra minn hawn, li kieku ma marrux ikellmuh ta’ Bloomberg.
Staqsewh x’jaħseb dwar Brexit, jum qabel mexxejja Ewropej waslu Malta għas-summit li fih is-suġġet ġie diskuss fost temi ewlenin. B’faxxinu, Bloomberg irrapportaw il-ħsibijiet ta’ John (probabli jsejħulu Ġanni).
Imwieled fl-aħħar tat-tieni gwerra, għex żmien meta Malta żammet mal-Ingliżi. Ta’ 72 sena, għex ħajtu b’ċertu konnessjoni mal-Ingliżi. Imma ż-żmien inbidel.
“Il-lealtà tiegħi tinsab aktar lejn l-Unjoni Ewropea milli lejn ir-Renju Unit” iddikjara Cauchi, li jaħlef bil-West Ham United. “Inħobbhom lill-Ingliżi u tgħallimt l-Ingliż l-iskola. Għandi d-dwejjaq minħabba Brexit. Nispera n-negozjati ma jkunu iebsa” żied jgħid.
Bloomberg osservaw li Malta hija iżgħar mill-iżgħar county Ingliża, iżda toffri stampa ċara ta’ kif il-poplu jaħseb fuq Brexit, barra mir-Renju Unit. Fi kliemhom: “as the U.K. seeks to re-establish itself as a global power outside the EU, one of its oldest and staunchest allies sees its own future firmly with its newer friends”.
Intant irrapportaw kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat, ċioe li pajjiżna se jmexxi n-negozjati b’onestà, u li r-Renju Unit ma jistax jistenna ftehim li huwa aħjar milli kieku r-Renju Unit baqa’ fl-UE.