Kien il-ħames jum ta’ Jannar tal-2016…bidu qares għal sena ġdida. Johanna Boni, Taljana li kienet tgħix Malta, tilfet ħajjitha wara inċident bil-mutur fi Triq il-Labour, in-Naxxar. Fl-inċident traġiku, Johanna spiċċat taħt trakk tal-ġebel u mietet mad-daqqa.
Issa, ftit aktar minn sena wara, se ssir logħba football b’kommemorazzjoni, mhux biss għal Johanna imma għall-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku fit-toroq Maltin li kellna fl-2016.
Il-logħba qed jorganizzawha l-Associazione Italiana Familiari e Vittime della Strada, flimkien mal-Ambaxxata Taljana f’Malta. Se ssir nhar it-18 ta’ Marzu fil-ground tal-Mellieħa.
L-appell hu biex bikers u klabbs dilettanti tas-sewqan jattendu u juru appoġġ. Iż-żewġ timijiet se jkunu magħmula minn professjonisti Maltin u Taljani; tobba, avukati, nies fil-militar u nies mill-mezzi tax-xandir. Minbarra li se tkun qed titqajjem kuxjenza dwar it-traġedji li qed iseħħu, se jiġabru fondi għal Puttinu Cares. L-avveniment se jixxandar saħansitra fuq l-istazzjon internazzjonali Radio Europa.