Il-plejer ta’ Cospicua Rangers Johan Attard hu ċ-champion ta’ Malta tal-Blackball wara li fil-finali li saret fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara għeleb lil Leon Azzopardi 10-6.
Kienet finali ferm eċitanti fejn Attard bena vantaġġ ta’ 5-1 fl-ewwel parti tal-logħba għalkemm Azzopardi beda ġej bil-mod tant li ħin minnhom ġab l-iskor indaqs għal 6-6.
L-aħħar parti tal-logħba kienet f’idejn Johan Attard li rebaħ l-erba’ frames ta’ wara u b’hekk ħareġ rebbieħ.
Għal Attard dan kien ir-raba’ titlu bħala Champion ta’ Malta u t-32 titlu personali. Min-naħa ta’ Azzopardi din kienet it-tieni finali konsekuttiva li ħa sehem fiha bil-plejer li għandu potenzjal kbir li jkompli jtejjeb il-ħiliet tiegħu f’din il-logħba.
Fi tmiem il-konfront, il-membru anzjan Lino Lauro ippreżenta t-tazza lil Johan Attard.