Id-difiża ta’ Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono, oġġezzjonat li fil-Qorti jkunu ippreżentat tagħrif minn kontijiet bankarji tal-eks Ministru. Illum kienu lesti biex jixhdu r-rappreżentanti ta’ erba banek ewlieni dwar l-allegat każ ta’ xiri ta’ voti f’Għawdex, iżda eventwalment inqala battibekk bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża li wassal biex il-Maġistrat bagħat il-każ lura għand l-Avukat Ġenerali biex jiddeċiedi dwar din ix-xhieda tar-rappreżentanti tal-banek.
Fost oħrajn qed ikun allegat li wara li faqqa l-każ, Anthony Debono kien għadda għaxar t’elef ewro lill-whistle blower. Bħala parti mill-ħlas li kellu jieħu tax-xogħol li għamel fi żmien li Giovanna Debono kienet ministru u żewġha kien imexxi d-dipartiment tax-xogħolijiet taħt l-istess ministeru. Il-prosekuzzjoni insistiet li peress li dan hu allegat każ ta’ xiri ta’ voti, il-kont bankarju tagħha huwa relevanti daqs dak ta’ Anthony Debonio waħdu u dak konġunt.
Iżda, dan qajjem l-oġġezzjoni tad-difiża li qalet li l-akkuża mhux fil-konfront tal-eks Ministru u dan il-kont ma kellux ikun esebit. Bid-difiża u l-prosekuzzjoni ma jaqblux il-każ kien differit għal Jannar li ġej bl-avukat ġenerali irid jara l-atti mill-ġdid u jiddeċiedi kif se jipproċedi.