Ħaddiema li jinsabu fis-settur turistiku iżda li bħalissa huma affettwati b’nuqqas ta’ xogħol fid-dawl tal-pandemija ser ikollhom l-opportunità jingħaqdu mat-tim li jintraċċa l-kuntatti għall-Covid-19 fi ħdan l-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Din l-iskema qed tiġi offruta mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Malta Enterprise u għandha l-għan li tagħti daqqa t’id lill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-ħaddiema eliġibbli li bħalissa qegħdin jirċievu wage supplement se jibqgħu jirċievu dan flimkien ma’ €5.28 fis-siegħa.
Persuni li huma interessati li japplikaw għal din l-iskema jistgħu jagħmlu dan billi jibgħatu email fuq tourismcovid-19helpline@visitmalta.com jew iċemplu fuq 2169 2447 mhux aktar tard mill-4 ta’ Novembru 2020.