Minn Diċembru li ġej il-Fondazzjoni ‘Smiling with Jerome’ ser tniedi l-kampanja Chemo Bags of Hope.
Dawn il-basktijiet huma mmirati għal pazjenti morda bil-kanċer li qegħdin għaddejjin bil-trattament tal-kimoterapija.
Dawn il-basktijiet li qed jiġu msejħa bħala l-basktijiet magħmulin b’imħabba u mimlijin b’tama jinkludu prodotti differenti li jagħmlu l-ħajja ta’ kuljum tal-pazjent ferm iktar faċli fosthom anki blalen li jtaffulek l-istress u għadd ta’ aġġeġġi u oġġetti oħra.
Frendo stqarr: “Ikollhom affarijiet li matul li qed jieħdu l-chemo jkollhom biex jgħaddu l-ġurnata.”
Il-fondazzjoni Smiling with Jerome li ngħatat il-ħajja sabiex tfakkar il-memorja ta’ Jerome Frendo li ħalla din id-dinja sentejn ilu fl-eta’ ta’ 20 sena minħabba kanċer fl-għadam qalet li din l-inizjattiva hija ferm popolari barra minn xtutna u ser tkun l-ewwel tat-tip tagħha f’pajjiżna.
Il-fondazzjoni ma tilqax biss pazjenti bil-mard tal-kanċer iżda wkoll individwi oħra li għandhom kundizzjonijiet jew mard b’kundizzjoni severa kif ukoll persuni li tilfu tarbija anki waqt it-tqala.
“Iddeċidejna li barra niffukaw fuq familji milquta bil-kanċer niffukaw wkoll fuq familji li għandhom it-tfal b’mard jew diżabilità severa jew kundizzjonijiet. Għax dawn it-tfal għalkemm forsi ma jidhrux imma xorta qed ibatu. Allura ninvolvu l-familji kollha billi jew noħorġuhom jew ikollhom sessions ta’ talks u kollox b’xejn”, temmet tgħid Frendo.