Wara l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta f’Diċembru li għadda, twettqet ħidma mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi sabiex isir taħriġ speċjalizzat dwar it-traffikar uman relatat max-xogħol lill-uffiċjali ta’ Jobsplus, Identity Malta u d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.
Dan it-taħriġ ġie provdut b’riżultat tal-ftehim li hemm bejn Malta u r-Renju Unit dwar it-traffikar uman.
Rappreżentanta mill-Gangmasters and Labour Abuse Authority (GLAA) kienet f’Malta sabiex taqsam l-għarfien u l-esperjenza tagħha dwar dan is-suġġett mal-uffiċċjali pubbliċi li jaħdmu mill-qrib ta’ ħaddiema Maltin u barranin.
It-taħriġ kien maqsum fuq jumejn u ffoka fuq is-sinjali li uffiċjal tal-infurzar jista’ jinnota f’ħaddiem li potenzjalment ikun vittma ta’ traffikar uman.
Ġew indirizzati wkoll numru ta’ temi, fosthom l-għajnuna professjonali li trid tingħata lill-vittmi u metodi kif tinkiseb informazzjoni utli għal aktar investigazzjonijiet mill-awtoritajiet.
Fil-laqgħa li kellha mar-rappreżentanta tal-GLAA is-Sinjura Lysbeth Ford u l-Kummissarju Għoli Ingliż f’Malta Stuart Gill, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli saħqet dwar l-importanza ta’ taħriġ kontinwu lill-uffiċjali pubbliċi fil-ġlieda kontra t-traffikar uman.
Hija tkellmet dwar kif il-Gvern Malti kompla jimxi mill-kliem għall-fatti billi jassigura li l-awtoritajiet ikunu attrezzati biżżejjed sabiex jiġġieldu dan ir-reat.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli spjegat li l-istrateġija kontra t-traffikar uman li qed tiġi mħejjija se tkun qed tara li l-awtoritajiet Maltin ikunu huma stess li joffru taħriġ bħal dan lill-ħaddiema tagħhom, lit-trade unions u lir-rappreżentanti tal-industrija.
Matul iż-żjara tagħha f’Malta, ir-rappreżentata tal-GLAA kellha laqgħat ma’ korpi kostitwiti differenti, fosthom il-General Workers Union, l-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem, l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti, il-General Retailers and Traders Union u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi.
Matul dawn il-laqgħat ġie diskuss l-irwol tat-trade unions u s-settur privat fil-prevenzjoni tat-traffikar uman.
Is-Sinjura Ford faħħret l-impenn tal-Gvern Malti li jipprovdi aktar taħriġ dwar din it-tema u tenniet l-impenn ta’ pajjiżha li jassisti l-awtoritajiet Maltin fl-iżvilupp ta’ għodod effettivi kontra t-traffikar uman fis-suq tax-xogħol.