Investiment li joffri sigurtà lill-pirotekniċi u jkompli jsaħħaħ il-wirt kulturali u artistiku ta’ pajjiżna.
Kien dan is-sentiment komuni fost diversi għaqdiet li tkellmu ma’ dan l-istazzjon, li bbenefikaw minn fondi għal aktar sigurtà fil-kmamar tan-nar.
Dan hekk kif 26 organizzazzjoni volontarja, li jaħdmu fil-kamp tal-piroteknika bbenefikaw minn total ta’ mija u sebgħin elf ewro.
Dan bħala parti minn fond immaniġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti, biex jiffaċilita aktar investiment biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-kmamar tan-nar, u biex il-voluntiera jaħdmu f’ambjent iktar sigur.
Emilio Farrugia, li huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Soċjetà Mużikali Santa Marija tal-Qrendi, qal li dan il-fond jagħti appoġġ lill-organizzazzjonijiet volontarji.
“Bħala soċjetà dawn il-fondi huma speċjali ħafna għaliex ilna nibbenefikaw minnhom mill-2018, l-ewwel darba li ħarġu. Kull sena naraw xi jkun hemm bżonn li jsir sabiex bis-saħħa tagħhom inkomplu nsaħħu s-saħħa u s-sigurtà fil-kmamar tan-nar tagħna.”
Tal-istess fehma kien Joseph Zahra, l-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Kamra tan-Nar Għaqda San Mikiel ta’ Ħal Lija.
“Importanti ħafna għaliex tagħti kuraġġ lill-membri li jattendu f’dan il-każ fl-għaqda tan-nar, fejn tagħti iktar kuraġġ lil dak li jkun biex jibqa’ għaddej għax imnalla jkunu huma, il-membri ta dawn l-għaqdiet, biex inkomplu nkunu ta unur għal pajjiżna.”
Iż-żewġ għaqdiet qed iħarsu ’l quddiem li jwettqu aktar proġetti permezz ta’ dawn il-fondi.
Bis-saħħa ta’ dawn il-fondi se nkomplu nsaħħu s-saħħa u sigurtà fil-postijiet tan-nar tagħna, fejn għamilna kmamar ġodda li huma attrezati għaż-żminijiet tal-illum, li fihom in-nies jaħdmu f’post aktar sigur anke ’il bogħod mill-elementi tax-xemx u l-maltemp.”
“Għamilna s-soqfa tal-kmamar attrezzati apposta f’każ li allaħares qatt ikun hemm blast. Din id-darba permezz ta din l-iskema, ħa nmorru għal makkinarju fejn se ninvestu biex ikollna safety, fejn nevitaw l-użu tal-idejn.”