Gilbert Testaferrata de Noto ta’ 21 sena tressaq il-Qorti wara li offenda pulizija u rreżista l-arrest.
Dan filwaqt li nstabitlu ammont żgħir tad-droga kannabis.
L-ispettur Pierguido Saliba rrakkonta kif kollox beda minn inċident żgħir bil-karozza waqt li kien qed jipparkja.
Kien hawnhekk li ż-żagħżugħ offfenda lil pulizija. Sussegwentament huwa rreżista l-arrest u ħarab minn fuq il-post.
L-ispettur qal kif wara li nstabet l-vettura, l-akkużat kien hu stess li mar l-għassa u kkopera mal-pulizija.
Fil-karozza instabitlu grinder bi traċċi tad-droga kannabis.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrieħ.
L-avukat difensur Dr. Ishmael Psaila, talab lil Qorti biex tieħu inkonsiderazzjoni li ż-żagħżugħ għadu żgħir, b’fedina penali nadifa u li kkopera mal-pulizija tul l-investigazzjoni.
Il-Qorti immultat lill-akkużat is-somma ta’ €800 bil-kundizzjoni li jitħallsu fi żmien 6 xhur.