F’sena li l-Marsa ntefet taħt il-lenti lokali hekk kif ingħatat it-titlu tal-Belt Kulturali 2022, issa din il-Belt saret ukoll fi presepju.
Dan b’xena ta’ nattività li fiha twieled il-Bambin b’pasturi li jqarrbu lejn id-dixendenza Maltija.
Dwar din l-idea, tkellimna mal-Presipist Alan Briffa li bħalissa għandu wirja ta’ presepji fil-binja tal-Kunsill Lokali tal-Marsa.
Briffa spjega, “Avviċinani s-Sindku, is-sena l-oħra armajt wirja hawnhekk biex nesebixxi l-presepji tiegħi u avviċinani peress li ħadu s-sena kulturali biex nagħmlu wieħed fuq il-Marsa, bil-karattri Marsin ukoll. Tawna xi ritratti u xi affarijiet li riedu li kellhom bżonn u flimkien ma’ Darren ħdimna dan il-proġett.”
Alan għandu kollezzjoni ta’ presepji li ħadem fuq fi tmien snin li ilu jaħdimhom u li jvarjaw minn presepju mdaqqsin għal uħud żagħar iżda fihom kull dettal.
Il-Presipist jaħdem mal-iskultur Darren Spiteri li bi preċiżjoni jagħti ħajja biċċa tafal li minnha joħloq il-pasturi tat-terracotta.
Il-presepju Marsi għandu fih lil San Ġorġ Preca fost il-karattri Marsin, u ma jonqosx ukoll lil tal-ħobż li malli tara l-pastur tiegħu bħal donnok tisma’ l-għajta li għamlitu popolari mal-Marsin.
Spiteri qal, “Imma, ħadt gost ħafna għax kienu f’ambjent sabiħ u ambjent Malti u saret xi ħaġa li ser japprezzaw ħafna l-Maltin, u l-iskop huwa li inti n-nattività tagħmilha f’post li inti mdorri tarah fih, allura ddaħħal il-Milied fl-ambjent tiegħek.”
Il-wirja tal-presepji se tibqa’ miftuħa sat-8 ta’ Jannar.