L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Joe Saliba insista li meta telaq hu l-finanzi tal-Partit kienu tajbin.
Saliba ta kummenti lit-Times wara li s-swaba’ bdew jippontaw lejh għas-sitwazzjoni finanzjarja mwergħa li ġie rappurtat li jinsab fiha l-Partit f’tal-Pietà.
Il-kummenti ta’ Joe Saliba, li jikkuntrastaw bil-kbir ma’ dak li sostnew Clyde Puli u Robert Arrigo, sabu l-appoġġ tas-Segretarju Ġenerali temporanju Francis Zammit Dimech.
Zammit Dimech li kien deputat Nazzjonalista anki fit-tmeninijiet saħansitra daħal feles għal Joe Saliba u qal li dan ħalla l-partit aħjar milli sabu.
Mat-Times, Joe Saliba qal li għal raġunijiet anki malizzjużi kien hemm min qed ixerred diċeriji li ħafna mid-dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista akkumula fi żmienu.
Min-naħa l-oħra, fuq ix-xandir tal-istat Clyde Puli kien saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu dejn ta’ miljuni kbar.
Intant Joe Saliba spjega li fi żmienu l-fergħat kummerċjali tal-partit fosthom anki l-midja kienu qed isostnu lilhom infushom.
F’battuta oħra diretta lejn il-fazzjoni ta’ Adrian Delia li bħalissa qed tmexxi hi l-Partit, Joe Saliba qal li s-sitwazzjoni fil-Partit kienet tkun diskussa ta’ kull sena waqt seminars fi ħdan il-kunsill amministrattiv u ħadd qatt ma ħareġ ilissen kelma barra l-istamperija.
Mistoqsi dwar il-kont tal-irħam li baqa’ ma tħallasx u semmih fl-ittra tar-riżenja, il-Viċi-Kap Robert Arrigo, Joe Saliba ammetta li l-kont li jlaħħaq it-€22,000 kellu jitħallas qabel.
Intant is-swaba’ komplew anki jippuntaw lejn Pawlu Borg Olivier li kien Segretarju Ġenerali eżatt wara Joe Saliba.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Borg Olivier fetħilha bl-ikrah kontra Clyde Puli li rriżenja minn Segretarju Ġenerali u qal; li titfa’ t-tort fuq ħaddieħor meta tkun se tispiċċa hija xi ħaġa tat-tfal iż-żgħar.
Huwa ddeskriva dan kollu bħala; “a pre-school yard politics.”
Borg Olivier, ieħor li jkun mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u ta’ spalla ma’ Repubblika u tal-Occupy Justice saħaq ukoll li taħt it-tmexxija tiegħu kienet diġà qed tiġi indirizzata s-sitwazzjoni finanzjarja u kienet tfasslet l-iskema taċ-ċedoli.
Din l-iskema sigrieta bdiet titħaddem taħt l-amministrazzjoni ta’ Simon Busuttil u minnha l-Partit Nazzjonalista daħħal il-flus mingħajr ma għadda mill-iskrutinju tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Id-dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista mhuwiex biss skont sorsi mill-kuriduri tad-Dar Ċentrali.
Rapporti mill-kumpanija tal-awdituri, KPMG ppreżentati lill-Kummissjoni Elettorali juru li fl-2016 meta kien hemm Rosette Thake Segretarju Ġenerali u Alex Perici Calascione teżorier, f’sena waħda d-dejn żdied bi €3 miljun u saħansitra rdoppjaw il-kontijiet mhux imħallsa.