Joe Mizzi, is-sensar fil-proġett skandaluż tal-power station tal-BWSC, kien għadda bord mediku u beda jirċievi l-Pensjoni tal-Invalidità minn Diċembru tal-2005 fl-istess waqt li kien qed jaħdem favur il-kumpanija Daniża u mbottaha mal-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi biex tingħata t-tender, kif fil-fatt ġara.
Dwar dan irrapportat il-gazzetta KullĦadd, li wkoll żiedet li meta Mizzi ġie ddikjarat invalidu kien għaddej l-akbar racket ta’ korruzzjoni fil-benefiċċji soċjali taħt ir-responsabbiltà ta’ Gonzi, kemm waqt li kien Ministru responsabbli għall-Politika Soċjali kif ukoll eżatt wara bħala Prim Ministru.
L-applikazzjoni ta’ Mizzi wkoll ġiet ipproċessata b’mod dubjuż fi ftit ġimgħat biss, anke jekk tali proċess normalment jieħu ferm iżjed.
Issa ġie żvelat li Mizzi kien qed jiggwida u jimbotta waħdu lill-BWSC f’perjodu li wkoll ippreżenta dokument ta’ psikjatra biex jiġi ddikjarat invalidu u jibda jgawdi mill-benefiċċji tal-Istat. Mill-istess proġett tal-BWSC, li kien jaqa’ taħt il-Ministru Austin Gatt, Joe Mizzi spiċċa jdabbar mal-€4 miljun f’commissions.
Biex il-BWSC setgħet tikkwalifika u tirbaħ it-tender ta’ €165 miljun, il-Gvern ta’ Gonzi kien dawwar id-deċiżjoni tal-Kabinett tiegħu stess biex imur għall-gass u, agħar minn hekk, naqqas il-liġi ambjentali ta’ pajjiżna biex ikun jista’ jakkomoda l-impjant, li kien jaħdem bil-heavy fuel oil u kien qed jiġi imbottat minn Joe Mizzi meta suppost kien “invalidu”.
Avolja issa Mizzi ġie ordnat biex irodd lura s-somma ta’ €1.7 miljun lill-kumpanija li kien jaħdem magħha qabel ħareġ boarded out, mis-sentenza tal-Qorti toħroġ ukoll il-konvinzjoni li l-flejjes, li għaddew bħala kummissjonijiet, kienu ferm aktar minn hekk.
F’rapport estensiv, il-KullĦadd fakkret li hu illegali li persuna taħdem waqt li tkun fuq il-Pensjoni tal-Invalidità. Mizzi, li beda jieħu l-Pensjoni tal-Irtirar ftit wara, ukoll kien qed jikser liġi oħra, għax dak iż-żmien min kien jieħu l-Pensjoni ma setax jaħdem kemm-il darba jaqla’ aktar mill-Paga Minima. Mizzi ma ddikjara l-ebda mpjieg dak iż-żmien, iżda spiċċa jitħallas il-miljuni f’kummissjonijiet.
Kif żvelat mill-istess gazzetta x-xahar li għadda, dak iż-żmien kien hemm żieda mhux normali ta’ persuni li kienu qegħdin jiddikjaraw li ma jistgħux jibqgħu jaħdmu u allura applikaw għall-Pensjoni tal-Invalidità – medja ta’ 540 aktar kull sena. Il-każ kien irrapportat lill-Pulizija, iżda l-investigazzjonijiet kienu twaqqfu minnufih wara intervent politiku.