Joe Dimech missier ta’ sebgħin sena mill-Imsida tilef ħajtu traġikament, wara li nqabad f’appartament li nħakem minn nirien qawwija li bdew minn splużjoni ta’ heater tal-gass, fl-appartament tiegħu fl-Imsida.
Huwa rrapportat li l-isplużjoni seħħet għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu, meta nstema’ ħoss kbir ħiereġ mir-raba’ sular ta’ blokka ta’ appartamenti fi Triq Oscar Zammit, faċċata tal-Junior College.
Dak il-ħin fl-appartament kien hemm il-vittma, martu Phyliss ta’ sitta u sittin sena u ibnu Carlos ta’ ħamsa u għoxrin sena. L-omm u binha ġew evakwati mill-appartament. Huma ittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura biz-zgħazugħ jiġi ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi kawza tal-ħruq f’diversi partijiet ta’ ġismu.
Pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni ċivili waslu fuq il-post u bdew il-ħidma biex jitfu n-nar li f’ħakka t’għajn infirex mal-appartament kollu.
L-operazzjoni tat-tifi tan-nar kisbet urġenza akbar meta sar magħruf li Joe kien fl-appartament u ma setax jinstab. Fil-fatt kien permezz ta’ drone li ttajjar fuq il-blokka li ġie identifikat il-katavru tiegħu.
Huwa nstab mejjet sagħtejn wara, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu f’xaft li jinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-appartament.
Jirrizulta li r-raġel qabez minn tieqa zgħira fil-kamra tal-banju, u ġie f’xaft li huwa dejjaq u mudlam.
Biex joħorġu l-katavru mix-xaft, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili kellhom jidħlu minn uffiċini li jinsabu fis-sular t’isfel u ħarġu fix-xaft fejn hemm sabu lil Joe bla ħajja.
Malli dwiet l-aħbar li r-raġel instab mejjet, qraba u ġirien tiegħu dehru mbikkma, li tilfu lil dan il-persuna għażiż għalihom. Fuq il-post saħansittra kien ir-raġel tat-tifla ta’ Joe u n-neputija, li joqogħdu qrib l-appartament.
Viżibbilmet emozzjonat, Johnnie Farrugia, li jiġi r-raġel ta’ oħt il-mara ta’ Joe, iddeskriva lil ħatnu bħal raġel tal-familja li dejjem għen u kien ta’ spalla għal kulħadd.
Ġirien, bid-dmugħ f’għajnejhom ma setgħux jemmnu din t-traġedja kerha li għaddiet minnha l-familja Dimech fl-għodwa tal-Erbgħa.
L-isplużjoni tant kienet qawwija li n-nar qered dak kollu li kien hemm fl-appartament. Mal-isplużjoni nkiser ukoll il-ħġieġ ta’ ħafna mit-twieqi fil-blokka u tqaċċtu anke l-aperaturi.
Ħabib ta’ Joe li joqgħod bieb u għatba mar-residenza tal-familja Dimech, iddeskriva l-qatgħa li ħa x’ħin instema’ l-ħoss ta’ splużjoni qawwija.
Għal xi ħin fuq il-post kien hemm id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila u l-Ministru tal-Intern u s-sigurta nazzjonali Michael Farrugia.
B’rabta ma din il-kaz infetħet inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Simone Grech.