Il-kittieb, xandar u awtur tal-lirika, Joe Julian Farrugia, jingħata Ġieħ Birżebbuġa. Huwa beda jippubblika x-xogħlijiet tiegħu lura fis-snin disgħin.
Farrugia, ingħata l-ogħla ġieħ f’Birżebbuġa f’serata li tellgħat ilbieraħ fix-xatt tal-istess raħal, li matulha tfakkret Jum Birżebbuġa.

Huwa ta’ kontribut mużikali fil-lokal li jgħix fih, fosthom kiteb żewġ innijiet taċ-Ċentinarju tal-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen Birżebbuġa, wara li kien sar konkors apposta; kif ukoll kiteb l-Innu l-Kbir, Tu Es Pterus, għas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa.
Iżda, isem Joe Julian huwa sinonimu fix-xena mużikali, kemm dik lokali u anke internazzjonali u fil-fatt rebaħ diversi festivals.
L-aktar suċċess riċenti huwa bil-kanzunetta ‘Ħarsa Biss’ li rebħet l-ewwel edizzjoni tal-festival tal-kanzunetta Maltija Mużika Mużika.