Bil-kejl ta’ stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, id-Deputat tiegħu stess Joe Giglio qed jiddefendi tender maħmuġ.
Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija biex jallega li x-xiri ta’ dgħajjes minn Transport Malta għall-inforzar kienu riżultat ta’ tender maħmuġ.
Għal dawn id-dgħajjes, Transport Malta ma ħallsitx għax ma kinitx kuntenta bihom.
Issa lil min ipprovda dawn id-dgħajjes qed jiddefendih ħadd iżjed mid-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio.
B’hekk fuq naħa għandek lil Adrian Delia u Ivan Castillo joħorġu l-istqarrijiet b’allegazzjonijiet u, fuq in-naħa oħra, Joe Giglio jiddefendi lil min Transport Malta ma ħallsitux għax mhijiex kuntenta bis-servizz li taha.
Kienet il-Maltatoday li, fil-ħarġa tal-Ħadd, żvelat li l-kumpanija, li pprovdiet ir-rhibs u li Transport Malta qed iżżomm soda fil-konfront tagħha, għandha jiddefendiha lid-Deputat Giglio.
Għalkemm sorsi interni spjegaw li ħafna fil-Partit Nazzjonalista huma mnaffrin bil-pożizzjoni ta’ Giglio, mal-Maltatoday ipprovaw jagħtu l-impressjoni li mhemm xejn kbir.
Tant li biex jipprova jaħbi l-konflitt ta’ interess wara li nqabad, Joe Giglio qal lill-Maltatoday li qed jipprova jimmedja.
Iżda l-korrispondenza, li ra ONE NEWS u li l-Maltatoday tagħmel referenza għaliha, tixhed kif Giglio mhux jimmedja qiegħed, iżda jitlob lil Transport Malta tħallas għal dak li sal-lum ma ħallsitx.
U l-Partit Nazzjonalista malajr reġa’ ħareġ stqarrija li mbarazzat lil Giglio, għax qed tattakka l-istess proċess li fih hu qed jiddefendi.
Fil-fatt Giglio talab laqgħa ma’ Transport Malta u hedded li jekk ma jħallsux lill-klijent tiegħu se jieħu passi fil-Qorti.
U filwaqt li Transport Malta żżomm sod quddiem dan it-theddid ta’ Giglio, il-Kelliema Nazzjonalisti Ivan Castillo u Adrian Delia joħorġu jgħajjruha u jitolbu investigazzjoni.
Dan anke jekk Transport Malta diġà ħadet il-passi meħtieġa biex tiddefendi l-interessi tagħha, liema passi sabet lid-Deputat Joe Giglio jiġġildilha kontrihom.
Interessanti ħafna li Giglio kiteb lil Transport Malta wara li l-każ kien diġà fil-pubbliku u l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrijiet dwaru. U filwaqt li Gilgio jiddefendi, Delia u Castillo reġgħu ħarġu jattakkaw.