B’kummenti li għamel, id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio kkonferma laqgħa taħraq u mqanqla tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, li kellha tiddiskuti l-pjan ta’ ħidma għal din is-sena.
Dwar din il-laqgħa, li damet sa tard filgħaxija, il-Maltatoday irrappurtat li numru ta’ deputati Nazzjonalisti poġġew pressjoni fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, u għaddewlu l-messaġġ li, iktar milli x’se jagħmlu huma, aħjar jara x’se jagħmel hu.
Fost id-Deputati li sfidaw lil Grech fuq dik li sejħulha “tmexxija dgħajfa” kien hemm l-aktar voċiferi Darren Carabott u Joe Giglio. Lil dan tal-aħħar staqsewh b’mod ċar fuq il-kontenut tar-rapport tal-Maltatoday u hu, bil-Kap maġenbu, ikkonferma li f’dak ir-rapport hemm il-verità.
“Matthew ir-rappurtaġġ li qed tirreferi għalih ma kienx kompletament korrett.”
Minn informazzjoni addizzjonali li kiseb ONE News fl-aħħar jiem, il-laqgħa spiċċat maqsuma f’żewġ fazzjonijiet: bejn dawk li kuntenti bil-Kap Bernard Grech u dawk li bdew kontinwament jisfidawh biex jgħid x’qed jagħmel biex it-tmexxija tiegħu tinħass iktar.
Fl-istess laqgħa, li kienet maħnuqa bi ġlied u argumenti, l-eks Kap Adrian Delia qam u għamel punt fuq dak li qalet Claudette Buttigieg fuq ir-radju tal-Knisja ftit tal-jiem ilu.
Buttigieg iddikjarat li ma jiddispjaċiha xejn li kienet minn ta’ quddiem fost il-Blue Heroes u marret għand il-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ Sant’Anton biex jitqaċċat Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, f’sajf jaħraq għall-Partit Nazzjonalista.
Il-laqgħa mimlija ġlied, li issa anki Giglio kkonferma li kienet vera, saret wara li Bernard Grech ħatar Shadow Cabinet ġdid, fejn kellu jagħmel dak li qaltlu l-fazzjoni ta’ Beppe Fenech Adami.
Dan kien jinkludi li jdaħħal lura fix-Shadow Cabinet lid-Deputati ta’ GonziPN, bħal Chris Said u Carm Mifsud Bonnici.
Iżda, wara li għamel kif qalulu huma, minflok laqgħuh bil-fjuri komplew jisfidawh fil-laqgħa tal-grupp parlamentari.