Il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Joe Giglio, inqabad fuq sieq waħda meta fil-Parlament prova jħammar wiċċ il-Korp tal-Pulizija u l-Ministeru għall-Intern dwar il-ħidma sfiqa wara l-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Pulizija.
Fil-Parlament, Giglio staqsa fuq kull kapitlu ta’ din l-istrateġija li ġiet imnedija fl-elfejn u għoxrin, u permezz tat-tweġibiet li ngħataw ħareġ b’mod beraħ kif din l-istrateġija qiegħda fi stat avvanzat ta’ implimentazzjoni.
Fit-tweġibiet ġie spjegat li llum il-ġurnata jeżistu diversi faċilitajiet pubbliċi biex wieħed ikun jista’ jagħmel kuntatt mal-Pulizija, u għaddejjin ukoll numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni rigward il-Pulizija tal-Komunità.
Apparti minn hekk, issemma wkoll it-tiġdid fl-uffiċċju tal-affarijiet interni għal standards professjonali u l-fatt li ġew introdotti numru ta’ proċeduri standard ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet. Qed isiru wkoll verifiki fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija.
Saret referenza għall-iżvilupp ta’ diversi indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-riżultati li jkunu nkisbu mid-diversi dipartimenti tal-Pulizija, fosthom arresti u persuni mressqin il-Qorti.
Fil-Parlament intqal ukoll li ġie introdott uffiċjal tal-integrità, u beda x-xogħol fuq sistema diġitali li timmaniġġja l-każijiet u sar anke xogħol fl-uffiċċju tar-riżorsi umani.
Dawn ir-riżultati, u ħafna aktar ħidma, jixhdu biċ-ċar il-progress li sar fit-trasformazzjoni tal-Korp.
Minkejja dan, id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio saħansitra kompla jattakka lill-Pulizija waqt diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru għall-Intern. Hawn, huwa għamel referenza għall-Pulizija tal-Komunità, li skontu qegħdin hemm biex jieħdu r-ritratti u ġew misruqa mill-għases.
Dan minkejja l-fatt li d-deputati Nazzjonalisti ftaħru li l-idea tal-Pulizija fil-Komunità kienet tagħhom.