“Jekk inti tagħmel allegazzjonijiet u dawk l-allegazzjonijiet li qed tagħmel ma tistax tissotanzjahom inti m’għandekx tinħeba wara l-privileġġ parlamentari.”
Hekk iddikjara l-avukat Joe Giglio f’botta ċara u diretta lejn l-aġir ta’ Jason Azzopardi wara li uża l-protezzjoni tal-privileġġ parlamentari biex jagħmel allegazzjonijiet malafamanti fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Ftit tal jiem ilu fil-Parlament Jason Azzopardi allega li Dr. Muscat kellu informazzjoni li hemm pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia u għaldaqstant sejjaħ l-elezzjoni ġenerali qabel.
Fuq l-istazzjon nazzjonali l-avukat Joe Giglio li huwa parti mill-Forum tal-Professjonisti Nazzjonalisti għall-ewwel għamel minn kollox biex jaħrab mistoqsija fuq l-imġiba ta’ Azzopardi.
Meta ġie mistoqsi fuq dan l-aġir spikka s-silenzju u wara ġaħġaha li ma kienx jaf x’allega Jason Azzopardi.
Meta kien mistoqsi: “Jason Azzopardi mill-Parlament tajjeb? Juża l-immunità parlamentari biex jgħid dak id-diskors li qal din il-ġimgħa fuq Joseph Muscat dak huwa aċċettabbli għalikhom bl-istandards tagħkhom?”
Giglio wieġeb: “Lanqas naf fuq xiex qed tirreferi.”
Madankollu meta pressat biex iwieġeb Giglio kkundanna l-imġieba ta’ Jason Azzopardi.
Huwa stqarr: “Ir-risposta għad-domanda hija ovvja jekk inti tagħmel allegazzjonijiet u dawk l-allegazzjonijiet li qed tagħmel ma tistax tissotanzjahom inti m’għandekx tinħeba wara l-privileġġ parlamentari.”
Dakinhar li Jason Azzopardi ressaq dawn l-allegazzjonijiet serji, l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kkundanna b’saħħa dan l-aġir u saħansittra talab ruling tal-ispeaker tal-kamra għall-ksur ta’ privileġġ parlamentari.
Fil-Parlament Jose Muscat stqarr: “F’din il-kalunja qed jiġi allegat li jien b’xi mod kont naf bil-plot tal-qtil, li ma jirriżulta minn imkien, mill-ebda fantażija, u jien ngħid l-ebda livell ta’ skontru politiku ma jiġġustifika li bniedem jiġi mċappas b’allegazzjoni ta’ dan it-tip. Ma tirriżulta minn imkien ħlief mill-fantażija bla sens tal-onorevoli membru.”