“Is-sodifazzjon tiegħi kemm kont ili membru fil-Kunsill tal-Ewropa huwa li qatt ma ħdimt kontra Malta.”
Dan hu kliem l-eks Ministru Laburista, Joe Debono Grech, li rrappreżenta lil Malta f’isem il-Partit Laburista fil-Kunsill tal-Ewropa għal 18-il sena. Fl-10 ta’ Ottubru huwa ġie onorat bħala Membru Onorarju tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-PACE.
Debono Grech stqarr, “Meta konna fil-Gvern, meta kien hemm delegazzjonijiet li kont nagħmel parti minnhom jien, u kemm meta konna fl-Oppożizzjoni, qatt ma ħdimna kontra Malta. Meta kienet tiġri xi ħaġa kontra Malta, niftiehmu s-sitta bejnietna biex niddefendu l-pożizzjoni ta’ Malta. Dik kienet waħda mis-sodisfazzjonijiet li kelli jien kemm domt membru tal-Kunsill tal-Ewropa.”
Joe Debono Grech huwa l-ewwel Membru Onorarju Malti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, iżda dan l-unur għalih m’huwiex wieħed personali.
Hu rrimarka, “Li tiġi rikonoxxut minn għaqda internazzjonali, għalija xi ħaġa kbira, u anke għall-partit tagħna. Jien inħoss li għall-Partit u għal Malta mhux l-unur li ħadt jien, imma li ħaditu Malta u ħadu l-partit… dik inħoss fija jiena.”