L-Għaqda Ġurnalisti Sports onorat lil tliet ġurnalisti sportivi veteran billi ġew imdaħħla fil-Hall of Fame tagħha. Il-ġurnalisti huma Joe Cutajar, Colin Cauchi u Mario Saliba.
Dan ir-rikonoxximent sar waqt il-65 edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali is-sibt li għadda. Rikonoxximent xieraq għal kontribut li dawn it-tliet veterani taw lill-ġurnaliżmu sportiv malti.
Joe Cutajar kien l-ewwel Segretarju Generali ta’ dik li kienet magħrufa bhala l-Għaqda Kittieba Sports meta twaqqfet fl-1970 f’laqgħa ġenerali li kienet saret fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana. Cutajar kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-stess Għaqda.
Huwa beda l-karriera tiegħu fil-ġurnalizmu sportiv mal-ġurnali tal-Union Press f’nofs is-snin 60 u għal diversi snin kien l-Editur tal-Isport tal-ġurnal L-Orizzont.
Minn hemm kien ingħaqad mar-Radju Leħen il-Ħbiberija u s-Solidarjeta’ fejn kien jippreżenta programmi sportivi, biex fl-1991 kien l-ewwel Kap tal-Isport ta’ dak li kien magħruf bħala Radju Super One anke l-editur tal-ġurnal Kulħadd.
Joe Cutajar għamel żmien ukoll editur ta’ ġurnal online għall-emigranti maltin fl-Awstralja.

Colin Cuchi beda l-karriera tiegħu bħala ġurnalist sportiv ta’ 18 il-sena fejn beda jirraporta il-football f’Għawdex. Dan baqa’ jagħmlu għal numru ta snin biex eventwalment beda jirraporta f’Malta għal diversi ġurnali.
Colin kien wieħed mill-pijunieri ta’ Radju Malta fejn hemmhekk bdiet il-karriera radjofonika tiegħu. Hawnhekk huwa kien jikkummenta partiti tal-football mill-istadium tal-Gzira, u sussegwentament mill-Istadium f’Ta’Qali.
Fis-sajf ix-xogħol kien idur għall-waterpolo bi trasmissjonijiet minn diversi pitches.
Ix-xogħol ta kummentatur, preżentatur u rappurtaġġ ta avvenimenti sportivi, nkluż whud internazzjonali bhal-Logħob tal-Mediterran, baqa’ għaddej bih sa ftit snin biss qabel mewtu.
Huwa kien ukoll attiv fl-Għaqda Kittieba Sports. Membru tal-kumitat ċentrali għal numru ta snin, u anki għal diversi drabi bħala Chairman tal-Għażliet tal-isportivi nazzjonali li kienet torganizza l-istess għaqda.
Fl-1983 kien strumentali biex twaqqfet il-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi u għal xi żmien kien attiv ukoll fil-Kumitat Olimpiku Malti.
Colin Cauchi ħalla din id-dinja fl-10 t’April 2012. Tela’ jirċievi l-unur f’ismu ibnu Gino Cauchi.

Mario Saliba beda bħala ġurnalist full time fid-dipartiment tal-isport tal-Union Print lejn l-aħħar tas-snin sittin u għalhekk illum ilu attiv iżjed minn 56 sena. Fis-sebgħinijiet huwa kien ingħaqad max-Xandir Nazzjonali u fid-disgħinijiet, Saliba kien ingħaqad mad-dipartiment tal-isport ta’ dak iż-żmien Radju Super One, fejn apparti l-aħbarijiet sportivi ipproduċa u ppreżenta bosta programmi fuq ir-radio u anke maż-żmien fuq it-televiżjoni.
Tul il-karriera tiegħu Saliba għamel diversi kummentarji kemm f’Malta u anke barra l-pajjiż. Għalkemm l-isport favorit tiegħu huwa l-futbol, Mario kkumenta f’diversi kompetizzjonijiet ta’ dixxiplini differenti matul is-snin fosthom il-Logħob tal-Mediterran fi Split u Casa Blanca, il-loghob tal-pajjizi ż-żgħar f’San Marino u anke l-kampjonati ewropej tal-Basketball li kienu saru fl-Italja.
Ikkumenta u kien preżenti għal numru ta’ partiti barra l-pajjiż tat-tim nazzjonali malti tal-futbol.
Fost dawn l-episodji imnaqqxa fil-karriera ta’ Mario jibqa’ l-kummentarju tat-traġedja ta’ Heysel li għaliha Mario kien preżenti.
