Joe Biden huwa uffiċjalment il-kandidat Demokratiku għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti.
L-eks Viċi-President ta’ Barack Obama, sar in-nominat tal-Partit tiegħu t-Tlieta filgħaxija waqt il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Demokratiku, li rat dikjarazzjonijiet t’appoġġ lejn Biden tal-eks Presidenti Demokratiċi Bill Clinton u Jimmy Carter.
Il-Konvenzjoni qed issir online minħabba l-pandemija b’diskorsi rrekordjati u bla udjenza diretta.
Il-ġimgħa d-dieħla se ssir il-Konvenzjoni tar-Repubblikani, li l-maġġoranza tagħha wkoll hija virtwali.
Din hija t-tielet darba li Biden, illum fl-età ta’ sebgħa u sebgħin sena, se jikkontesta għall-White House, wara li kkontesta fl-1988 u fl-2008.