Joe Biden huwa uffiċjalment is-46 President tal-Istati Uniti, hekk kif l-Erbgħa f’nofshinar, ħin Amerikan, ħa l-ġurnament tal-ħatra fl-Inawgurazzjoni Presidenzjali f’Washington DC. Miegħu, Kamala Harris ħadet il-ġurament ta’ l-ewwel viċi president mara tal-Amerika.
Fl-ewwel diskors tiegħu bħala President tal-Istat Uniti, Biden saħaq fuq l-isfidi kbar li jinsabu quddiem l-Istati Uniti filwaqt li appella għall-għaqda wara għadd ta’ firdiet politiċi fost il-poplu Amerikan.
Biden qal, “Few people in our nation’s history have been more challenged or found a time more challenging or difficult than the time we are in now. A once in a century virus that currently stalks the country, that has taken as many lives in one year as America has lost in all of World War Two.”
Din mhux se tkun l-ewwel darba li d-Demokratiku Joe Biden se jirfes l-għatba tal-White House, hekk kif bejn l-2009 u l-2016, serva bħala Viċi President u l-id il-leminija tal-President Barack Obama.
Fl-elezzjoni presidenzjali tat-tlieta ta’ Novembru tas-sena li għaddiet u li saret fi sfond ta’ pandemija, Biden irnexxielu jegħleb lill-Donald Trump. Biden kiseb tliet mija u sitt voti fil-kulleġġ tal-eletturi filwaqt li Trump kiseb mitejn u tnejn u tletin tal-vot. Il-President Amerikan ġab aktar minn wieħed u tmenin miljun tal-voti taċ-ċittadini Amerikani.
Biden, li jgħodd tmienja u sebgħin sena u li huwa kkunsidrat bħala l-ixjeħ president huwa miżżewweġ lil Jill Biden, li issa hija l-First Lady.
Għall-Inawgurazzjoni kien hemm sigurtà stretta, fosthom ħamsa u għoxrin elf uffiċjal armat.
Intant, għall-ħabta tat-8:00 ta’ filgħodu ħin Amerikan, Donald Trump deher iħalli il-White House flimkien ma’ martu Melania Trump bil-ħelikopter Marine One. Minn hawn huwa niżel fil-bażi militari ta’ Andrews f’Maryland, fejn indirizza għall-aħħar darba lill-poplu Amerikan.
Milqugħ b’wieħed u għoxrin tir ta’ salut minn kanuni tal-militar u minn folla tistennih, Trump irringrazzja lill-familtu u lil dawk li ħadmu miegħu mill-qrib.
Għall-ewwel darba fil-pubbliku huwa awgura lis-suċċessur tiegħu Joe Biden.
Trump qal. “I will be watching, I will be listening and I will tell you that the future of this country has never been better. I wish the new administration great luck and great success.”
Minn hawn Trump u martu Melania telqu lejn Florida.