Il-President Amerikan Joe Biden iddikjara li l-pandemija fl-Istati Uniti spiċċat minkejja li għad hemm numru kbir ta’ Amerikani li qed imutu kawża tal-Covid-19.
Biden qal li filwaqt li għad hemm problema s-sitwazzjoni sejra għall-aħjar b’mod mgħaġġel.
L-istatistika turi li madwar 400 Amerikan kuljum qed imutu bil-Coronavirus.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qal li t-tmiem tal-pandemija qiegħed fil-qrib.
F’intervista li ta waqt programm Amerikan, Biden qal li l-Istati Uniti qiegħda tagħmel ħafna xogħol biex tikkontrolla t-tixrid tal-virus. Hu rrimarka li dawk preżenti quddiemu ma kienux lebsin maskla għaldaqstant qal li dak huwa sinjal ta’ kemm l-affarijiet mexjin ‘il quddiem.
L-amministrazzjoni Amerikana qalet li minkejja dak li qal Biden dan ma jfissirx li se jkun hemm xi tibdil fil-pjanijiet marbuta mar-restrizzjonijiet imposti bħala parti mill-istat t’emerġenza tas-saħħa pubblika.